>@EIB/To be defined

  • Il-Grupp tal-BEI ffirma operazzjonijiet li jammontaw għal 83.8 biljun euro b'appoġġ għal investimenti totali b'ammont ta' 280 biljun euro fl-2016
  • Finanzjament rekord għall-SMEs ta' aktar minn EUR 33 biljun
  • Il-Grupp tal-BEI miexi sew skont il-Pjan ta' Investment għall-Ewropa
  • Il-President Hoyer: Ma nistgħux nibqgħu għaddejjin bil-mentalità ta’ “business as usual” – huwa vitali li ssir riforma politika u regolatorja fl-2017

Il-President tal-Bank tal-UE Werner Hoyer ippreżenta l-kontribuzzjoni tal-Grupp tal-BEI għall-ħolqien ta' impjiegi u tkabbir fl-Ewropa billi appoġġa proġetti u investiment fl-SMEs, fl-infrastruttura ewlenija, fl-innovazzjoni u fl-ambjent. Fid-diskors tiegħu llum fi Brussell, huwa stqarr: “Fi żmien ta' inċertezza l-Grupp tal-BEI wera li approċċ tassew Ewropew lejn l-investiment qed irendi.” Iżda huwa wissa, “L-irkupru għadu miexi bil-mod. Fl-2017 neħtieġu naraw impenn imġedded għar-riforma. Għandna niżguraw li l-investiment mhux qed jinżamm lura minn ostakli regolatorji mhux meħtieġa. Ma nistgħux nibqgħu għaddejjin bil-mentalità ta’ ‘business as usual’.

B'mod ġenerali, il-BEI u l-FEI ffirmaw operazzjonijiet b'valur ta' 83.8 biljun euro b'appoġġ għal investimenti totali li ammontaw għal 280 biljun euro fl-2016.

Appoġġ miżjud għal kumpaniji iżgħar

Il-President Hoyer kien qed jippreżenta r-riżultati l-aktar riċenti għall-Grupp tal-BEI, li jikkonsisti fil-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI). Huwa ħabbar finanzjament rekord fl-2016 ta' aktar minn 33 biljun euro għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fl-Ewropa (SMEs), immexxi mill-appoġġ miżjud tal-FEI għan-negozji. Fl-2016, il-Grupp tal-BEI appoġġa madwar 300 000 kumpanija, li jimpjegaw aktar minn 4.4 miljun persuna.

Il-President Hoyer qal: "F'ħafna partijiet tal-Ewropa l-SMEs għad għandhom nuqqas ta' aċċess għall-finanzjament. L-SMEs huma s-sinsla reali tal-ekonomija Ewropea. Dawn joħolqu l-impjiegi; bil-kapaċità tagħhom għall-innovazzjoni u l-flessibbiltà, huma kruċjali għall-kompetittività tal-Ewropa u għall-benesseri taċ-ċittadini tagħha. L-2016 rat ukoll bidla sinifikanti fit-tip ta' finanzjament li l-Grupp tal-BEI jipprovdi b'żieda ta' self iżgħar, li jingħata l-aktar lil negozji innovattivi iżgħar. L-innovazzjoni hija kruċjali – il-Grupp tal-BEI qed jimmira li l-2017 tkun sena ta' innovazzjoni."

Il-finanzjament tal-kompetittività u t-tkabbir

Is-setturi appoġġati mill-Grupp tal-BEI huma essenzjali f'termini tal-impatt tagħhom fuq żmien fit-tul fuq il-kompetittività u t-tkabbir. Fl-2016 intefqu madwar 20 biljun euro fuq l-infrastruttura. Intefqu madwar 17-il biljun euro fuq proġetti ambjentali. Ingħataw aktar minn 13-il biljun euro għall-innovazzjoni u għal konnessjonijiet tal-broadband b'veloċità għolja. Għall-azzjoni klimatika, il-BEI, għas-seba' sena konsekuttiva, qabeż il-mira tiegħu, u pprovda aktar minn 19-il biljun euro sabiex jgħin itaffi t-tibdil fil-klima u l-adattament għall-impatt tiegħu. Dan jirrappreżenta 26 % tat-tislif totali tal-BEI fl-2016.

Il-ġenerazzjoni ta' flus fuq is-swieq kapitali

Il-BEI jiffinanzja lilu nnifsu: l-attivitajiet tat-tislif huma ffinanzjati primarjament permezz tal-ħruġ ta' bonds fi swieq kapitali internazzjonali. Minkejja perjodi ta' inċertezza fis-swieq matul is-sena li għaddiet, il-Bank irnexxielu jiġġenera 66.4 biljun euro minn investituri madwar id-dinja. Għaxar snin wara li tnedew l-ewwel Bonds Ħodor, aħna nibqgħu l-akbar emittent, b'aktar minn 15-il biljun euro ġġenerati għal proġetti għall-klima sa mill-2007.

Il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa miexi sew; meħtieġa riformi

L-operazzjonijiet tal-Grupp tal-BEI appoġġjati mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), li huwa fil-qalba tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, mexjin sew. Fl-ewwel sena u nofs, il-Grupp tal-BEI approva aktar minn 420 tranżazzjoni ta' finanzjament li huma mistennija li jappoġġjaw investiment ta' 164 biljun euro.

Il-President Hoyer qal: "Il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa tassew biddel l-attivitajiet għall-Bank. Ħloqna prodotti ġodda, attirajna klijenti ġodda – 3 minn 4 huma ġodda għall-Bank – u bnejna relazzjonijiet ġodda, b'mod partikolari mal-banek promozzjonali nazzjonali. Jekk il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi jiġi estiż, dan jgħin sabiex l-Ewropa taffronta l-isfidi ta' ekonomija dinjija li qed tinbidel."

Il-President ħareġ twissija kontra l-kompjaċenza. Skont ir-riċerka tal-BEI, waħda biss minn tliet kumpaniji fl-Ewropa hija mistennija li żżid l-investiment fis-sena li ġejja. "Il-kumpaniji li ġew mistħarrġa qalu li l-inċertezza politika u regolatorja huma l-ostakli ewlenin għall-investiment. L-FEIS ma jistax jagħmel din il-ħidma waħdu. Għandna noħolqu l-kundizzjonijiet it-tajbin għall-investiment, fil-livell tal-UE billi tiżdied il-ħidma biex jitwettaq is-suq uniku, fil-livell tal-Istati Membri billi titħaffef ir-riforma regolatorja."

Impjiegi għaż-żgħażagħ

Il-President Hoyer għamel sejħa għal sforzi kontinwi fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ. Sa mit-tnedija tiegħu fl-2013, il-programm tal-BEI "Ħiliet u Impjiegi – Investiment għaż-Żgħażagħ" ipprovda aktar minn 37 biljun euro għal proġetti u ħiliet imtejba għaż-żgħażagħ.

L-immaniġġjar tal-isfida tal-migrazzjoni

Il-BEI qed jagħmel kontribut tanġibbli għall-għanijiet tal-politika esterna tal-Unjoni. Fl-2016 ingħataw 3 biljun euro b'impenn magħmul mill-BEI bħala parti mill-pakkett ta' assistenza ta' tliet snin ta' 11-il biljun euro għall-Ukrajna. Dan jappoġġja l-kompetittività, ir-reżiljenza, l-affidabbiltà tal-enerġija u l-kwalità tal-ħajja għaċ-ċittadini fl-Ukrajna.

Fir-rigward tal-isfida attwali tal-migrazzjoni, il-President Hoyer għamel sejħa għal impenn Ewropew aktar sod barra mill-UE u aġġustament għall-politiki tal-iżvilupp: “Għandna nsaħħu r-reżiljenza u l-istabbiltà ekonomika fil-pajjiżi milquta l-aktar bil-qawwi mill-kriżi attwali tar-refuġjati u l-migrazzjoni, u nimmaniġġjaw il-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni.” Enfasizza wkoll: "Permezz tal-Inizjattiva għar-Reżiljenza Ekonomika tiegħu, il-BEI huwa lest biex jissupplimenta l-Pjan ta' Investiment Estern tal-UE billi jimmobilizza malajr finanzjament addizzjonali b'appoġġ għal tkabbir sostenibbli, infrastruttura essenzjali u koeżjoni soċjali. Nixtiequ nagħtu spinta għall-opportunitajiet ta' impjiegi kemm fil-komunitajiet ospitanti kif ukoll f’dawk tar-refuġjati."

Skont l-Inizjattiva għar-Reżiljenza Ekonomika, il-BEI se jżid l-appoġġ tiegħu għall-Viċinat tan-Nofsinhar u l-Balkani tal-Punent b'6 biljun euro u b'dan, l-investiment totali appoġġjat mill-BEI fir-reġjuni minn 20 biljun euro se jitla' għal madwar 35 biljun euro sal-2020.

Nota lill-editur:

Iċ-ċifri kollha mhumiex verifikati u huma proviżorji.

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa l-istituzzjoni ta' tislif fuq żmien fit-tul tal-Unjoni Ewropea u huwa l-proprjetà tal-Istati Membri tagħha. Jipprovdi finanzjament fuq żmien fit-tul għal investiment sod sabiex jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-politiki tal-UE.

Il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) jagħmel parti mill-grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Il-missjoni ċentrali tiegħu hija li jappoġġja l-intraprizi Ewropej ta’ daqs mikro, żgħir u medju (SMEs) billi jgħinhom jaċċessaw il-finanzjament. Il-FEI ifassal u jiżviluppa kapital ta' riskju u tkabbir, garanziji u strumenti ta' mikrofinanzjament li għandhom fil-mira speċifikament dan is-segment tas-suq. F'dan l-irwol, il-FEI irawwem l-objettivi tal-UE b'appoġġ għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-intraprenditorija, it-tkabbir, u l-impjiegi.

Presentation and speech

Speech of President Hoyer

Presentation slide

EIB Factsheets

Highlights 2016 [EN

EIB Group in figures: countries overview 2016 [EN

EFSI in 2016 [EN