>@Global Citizen
© Global Citizen
  • Il-BEI jħejji programm ta’ €4 biljun biex jappoġġja lill-Istati Membri tal-UE li qed jospitaw refuġjati tal-gwerra Ukreni u biex tiġi żviluppata infrastruttura soċjali vitali, bħala parti mill-Pakkett ta’ Solidarjetà mal-Ukrajna tal-BEI.
  • Il-programm il-ġdid tal-BEI ser joffri finanzjament u assistenza teknika fuq żmien fit-tul lil komunitajiet lokali li qed jilqgħu refuġjati tal-gwerra Ukreni.
  • Il-bank tal-UE diġà żborsa €668 miljun lill-Gvern tal-Ukrajna għall-ħtiġijiet ta’ likwidità urġenti tagħhom.
  • Il-BEI wiegħed l-appoġġ għar-refuġjati waqt “Stand Up for Ukraine” (Solidarjetà mal-Ukrajna), avveniment globali ta’ ġbir ta’ fondi f’Varsavja biex jappoġġja lill-vittmi tal-aggressjoni Russa.

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Bank tal-Unjoni Ewropea, ħabbar programm ta’ €4 biljun għall-2022 u l-2023 biex jgħin lill-bliet u r-reġjuni fl-Istati Membri tal-UE jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ investiment urġenti u jaffaċċaw l-isfidi biex jilqgħu u jintegraw ir-refuġjati tal-gwerra mill-Ukrajna.

Il-programm il-ġdid tal-BEI, li għadu qed jistenna l-approvazzjoni mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI, għandu l-mira li jiffinanzja l-iżvilupp tal-infrastruttura soċjali ewlenija għall-provvediment ta’ servizzi pubbliċi lir-refuġjati, inkluż akkomodazzjoni, skejjel, sptarijiet u kindergartens. L-appoġġ finanzjarju ser ikun ikkumplimentat minn appoġġ ta’ konsulenza, fejn l-awtoritajiet lokali fl-Istati Membri tal-UE jiġu megħjuna b’assistenza teknika bla ħlas biex jiġu evalwati malajr il-ħtiġijiet lokali, u biex jiġu ppjanati, prijorizzati u mħejjija l-investimenti relatati.

Il-Bord tal-BEI diġà approva l-Pakkett ta’ Solidarjetà għall-Ukrajna tal-BEI fl-4 ta’ Marzu 2022. Bħala parti minn dak il-pakkett, bejn it-8 u l-25 ta’ Marzu, il-Bank tal-UE żborsa €668 miljun ta’ appoġġ ta’ likwidità urġenti lill-Gvern tal-Ukrajna. Barra dan, il-BEI qed jaħdem biex jipprovdi finanzjament ulterjuri biex il-Gvern tal-Ukrajna jkun jista’ jkompli jipprovdi servizzi pubbliċi vitali għaċ-ċittadini li baqgħu fl-Ukrajna. Kif diskuss bejn il-President tal-BEI Werner Hoyer u l-Prim Ministru tal-Ukrajna Denys Shmyhal, dawn il-fondi huma maħsuba biex jappoġġjaw it-trasport, l-enerġija, l-iżvilupp urban u proġetti diġitali; huma parti mill- Pakkett ta’ Solidarjetà għall-Ukrajna mħejji b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea.

Il-BEI ser ikompli jesplora l-possibbiltajiet biex jappoġġja lill-Ukrajna u lir-refuġjati Ukreni b’mod konġunt mal-Kummissjoni Ewropea, b’mod partikolari permezz tal-Portal tal-Investiment Soċjali u l-Ħiliet tal-programm InvestEU li tnieda riċentement.

Il-President tal-BEI Werner Hoyer qal: “Ninsabu lkoll mnikkta bil-qerda terribbli li ġarrbet l-Ukrajna u l-poplu tagħha, fejn miljuni minnhom qed jaħarbu minn pajjiżhom biex ifittxu l-paċi u s-sigurtà. L-orrur li qed nixhdu aħna stess isaħħaħ id-determinazzjoni tagħna li naġixxu. Bil-Pakkett ta’ Solidarjetà għall-Ukrajna inizjali tagħna, u b’dan il-programm il-ġdid ta’ €4 biljun għall-Istati Membri tal-UE, aħna ser nappoġġjaw lill-Ukrajna u ngħinu lill-komunitajiet li qed jilqgħu lir-refuġjati, fejn niżguraw li huma jistgħu joffrulhom faċilitajiet soċjali vitali – akkomodazzjoni, skejjel, sptarijiet. Ninsab estremament grat lill-President Ursula von der Leyen u lill-Prim Ministru Justin Trudeau għat-tmexxija tagħhom u talli mmobilizzaw lill-komunità internazzjonali għall-Ukrajna. Id-Dinja trid issostni l-kuraġġ eżemplari u r-reżiljenza tal-poplu Ukren u tgħin lilhom u lil dawk li jappoġġjawhom.”

Il-BEI wiegħed l-appoġġ tiegħu waqt ‘Stand Up For Ukraine’ avveniment globali ta’ ġbir ta’ fondi għar-refuġjati u n-nies spostati internament fl-Ukrajna mniedi mill-Kummissjoni Ewropea, il-Gvern tal-Kanada u l-organizzazzjoni internazzjoni tas-soċjetà ċivili Global Citizen nhar is-Sibt f’Varsavja. L-aggressjoni Russa fl-Ukrajna s’issa rriżultat f’aktar minn 6.5 miljun persuna spostata internament u 3.8 miljun refuġjat.

Matul l-avveniment, l-UE, gvernijiet, organizzazzjonijiet internazzjonali u donaturi privati b’mod ġenerali wiegħdu li jipprovdu €10.1 biljun f’finanzjament addizzjonali u tipi oħra ta’ appoġġ biex ikopru l-ħtiġijiet tal-Ukreni li qed jaħarbu mill-gwerra fil-pajjiż.