>@Mireia Gonzalez/EIB

  • Aktar minn EUR 64 biljun mill-Grupp tal-BEI appoġġaw investiment ta’ EUR 230 biljun fl-Ewropa u madwar id-dinja fl-2018
  • Volum ta’ negozju rekord ta’ aktar minn EUR 10 biljun fil-FEI b’appoġġ għal kumpaniji fil-fażi tal-ftuħ u SMEs
  • Il-President Hoyer tal-BEI: “Il-bank tal-UE juri l-valur maħluq billi naħdmu flimkien bħala Unjoni.”

Fis-sena tas-60 anniversarju tiegħu, il-bank tal-UE appoġġa EUR 230 biljun ta’ investiment, u laħaq fi żmien bikri l-miri tiegħu tal-Pjan Juncker u rnexxielu jinnaviga f’ambjent diffiċli politikament. Waqt li mexxa l-fokus tiegħu mill-irkupru ekonomiku tal-Ewropa għall-kompetittività, il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) iffoka sew fuq distakki fis-suq identifikati mill-esperti tiegħu, sabiex l-investimenti tiegħu jkollhom l-ikbar impatt fuq l-ekonomija tal-Ewropa. “Id-diġitalizzazzjoni, l-SMEs, l-edukazzjoni u l-ħiliet, l-enerġija sostenibbli u l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura huma kruċjali għall-ekonomija Ewropea biex iżżomm il-pass mal-kompetizzjoni globali,” qal il-President tal-BEI Werner Hoyer waqt il-konferenza stampa annwali tal-Grupp tal-BEI li saret nhar it-Tlieta fi Brussell.

Bis-saħħa ta’ aktar effiċjenza fl-attrazzjoni tal-kapital privat, l-ammont ta’ investiment totali appoġġat kien qrib tal-livell miksub fl-2017, u bbilanċja tnaqqis fil-volum ta’ finanzjament ġenerali tal-Grupp tal-BEI għal EUR 64.19 biljun fl-2018. L-għadd ta’ proġetti ffirmati laħaq 854. Il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), li huwa sussidjarju tal-BEI, irrapporta wkoll volum ta’ finanzjament rekord ta’ EUR 10.06-il biljun, li bbenefikaw minnu l-pijunieri tat-teknoloġija u kumpaniji ta' daqs żgħir u medju mal-Ewropa kollha.

“Il-bank tal-UE jirrappreżenta l-kapaċità tal-Ewropa li twettaq impenji fi żmien meta wisq persuni mal-kontinent kollu qed ifittxu kenn fin-nazzjonaliżmu parrokkjali. L-investiment tal-Bank jgħaqqad lill-Ewropej, u din hija l-bażi fuq liema se jinbnew l-impjiegi u t-tkabbir futur għall-Istati Membri tal-UE kollha,” qal Hoyer.

Għall-2019, il-Bord tal-BEI approva pjan operazzjonali korporattiv b’orjentazzjoni ta’ ftit aktar minn EUR 70 biljun ta’ finanzjament mill-Grupp tal-BEI. Dan jirrappreżenta żieda ta’ madwar 10% meta mqabbel mas-sena li għaddiet.

Neċċedu l-objettivi tal-Pjan Juncker

L-aħjar eżempju ta’ attrazzjoni b’suċċess tal-kapital privat huwa l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), immaniġġjat mill-Grupp tal-BEI bħala parti mill-Pjan Juncker. Abbażi ta’ garanzija oriġinali ta’ EUR 21 biljun mill-Kummissjoni Ewropea u l-BEI, l-objettiv kien li jiġu mobilizzati EUR 315-il biljun ta’ investiment sa nofs l-2018. Fil-fatt, l-FEIS qabeż dan l-għan. S’issa mmobilizza investiment ta’ aktar minn EUR 375 biljun u issa miexi lejn mira ġdida ta’ EUR 500 biljun sal-2020 appoġġjat minn garanziji addizzjonali. Mexjin sew in-negozjati mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kontinwazzjoni ta’ dan il-mudell li rnexxa taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE għal wara l-2020.

“Irrispettivament minn kemm hija tajba l-prestazzjoni tagħna bl-FEIS sal-2020, il-prinċipji u r-rwoli li qanqlu s-suċċess tiegħu għandhom jinżammu lil hinn minn dik id-data,” qal Hoyer.

Intensifikazzjoni tal-azzjoni klimatika

L-azzjoni klimatika hija qasam ieħor fejn il-Grupp tal-BEI huwa strumentali biex iwettaq l-għanijiet tal-politika tal-UE. Il-BEI jibqa’ l-akbar finanzjarju multilaterali fid-dinja ta’ proġetti għall-azzjoni klimatika. Fl-2018, il-bank tal-UE żied il-proporzjon tat-tislif tiegħu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għal kważi 30%. Il-BEI ta bidu wkoll għal reviżjoni tat-tislif għall-enerġija biex jadatta l-politika tiegħu għal ambjent li qed jinbidel. Bħalissa għaddejja konsultazzjoni pubblika ta’ tliet xhur mal-industrija, gruppi tas-soċjetà ċivili u ma’ dawk li jfasslu l-politika.

Appoġġ għal kumpaniji innovattivi

Il-Grupp tal-BEI jkopri firxa sħiħa ta’ finanzjament għal kumpaniji innovattivi fl-UE. Huwa l-akbar fornitur ta’ kapital ta’ riskju għal kumpaniji fil-fażi tal-bidu permezz ta’ investimenti f’fondi ta' kapital ta' riskju, joffri ekwità u dejn ta’ riskju għal kumpaniji li qed jikbru li jeħtieġu jikbru aktar, u jiffinanzja programmi ta’ riċerka u żvilupp li jgħinu lil kumpaniji ta’ daqs medju u aktar kbar biex jibqgħu kompetittivi fis-swieq globali. Minkejja t-tnaqqis fit-tislif ġenerali, il-bank tal-UE investa kważi l-istess ammont fl-innovazzjoni daqs is-sena preċedenti – EUR 13.52 biljun.

Is-sena li għaddiet, 374 000 SME bbenefikaw mill-finanzjament tal-Grupp tal-BEI, intermedjati permezz tal-imsieħba finanzjarji.

Għajnuna sabiex l-Ewropa tikber flimkien

“Il-bank tal-UE qed jiffoka biex iżid il-kompetittività tal-kumpaniji u n-netwerks tal-infrastruttura Ewropej, iżda dan ma jfissirx li jinsa l-appoġġ lil reġjuni li għadhom fil-proċess li jlaħħqu magħna. Ħadd m’għandu jintesa,” spjega l-President Hoyer. Is-sena li għaddiet, kważi 32% tal-investiment kollu tal-BEI fl-Ewropa mar f’reġjuni ta’ koeżjoni u konverġenza.

Iżda mhuwiex biss l-investiment li jgħin lir-reġjuni biex ilaħħqu. Konsulenza esperta finanzjarja u teknika huma daqstant importanti. Il-bank tal-UE joffri dan fuq skala kbira, billi juża l-kompetenza esperta unika tiegħu kif ukoll l-inġinerija. Is-sena li għaddiet, is-servizzi ta’ konsulenza tal-BEI kellhom 530 kompitu ġdid. Appoġġa operazzjonijiet bi spiża ta’ investiment stmat totali ta’ aktar minn EUR 40 biljun.

Mobilizzazzjoni ta’ kapital privat biex jinkisbu għanijiet ambjentali u soċjali mad-dinja kollha

Il-Grupp tal-BEI jiffinanzja l-attivitajiet tiegħu fuq is-suq kapitali globali. Huwa ssellef EUR 60 biljun minn investituri internazzjonali fl-2018, ftit aktar mis-sena preċedenti. Il-BEI jibqa’ emittent ta’ bonds importanti bi klassifikazzjoni “AAA”, mhux biss minħabba l-volum tal-ħruġ tiegħu, iżda wkoll minħabba r-rwol tiegħu bħala innovatur u entità li tistabbilixxi l-istandards.

Il-Bank tal-UE huwa strumentali fil-ħolqien ta’ EUR 450 biljun fis-suq tal-bonds ekoloġiċi. Huwa ħareġ l-ewwel bonds bħal dawn ħdax-il sena ilu u kellu rwol ewlieni fl-istabbiliment tal-istandards għal din il-kategorija ta’ investiment. Is-sena li għaddiet, il-BEI ħareġ l-ewwel Bond għal Kuxjenza dwar is-Sostenibbiltà, u ġabar EUR 500 miljun għal investimenti biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Il-flejjes mill-ewwel bond se jiġu investiti primarjament fi proġetti tal-ilma. Din is-sena, il-BEI qed jippjana li joħroġ aktar bonds għal investimenti biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, b’mod partikolari fl-oqsma tal-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni.

Il-flejjes miġbura mis-swieq kapitali jintużaw mill-BEI biex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ nies mad-dinja kollha. It-tislif barra mill-UE tela’ għal EUR 8.1 biljun fl-2018. Somma rekord ta EUR 1.6 biljun marret għal proġetti fl-Afrika sub-Saħarjana. “Ninsabu lesti biex nagħmlu aktar u nappoġġaw ċaqliq fil-politika tal-iżvilupp minn għajnuna għal investiment u minn relazzjoni ta’ donatur-riċevitur għal sħubija,” ikkonferma Hoyer.

Il-kapital mitluf minħabba l-Brexit se jiġi sostitwit

Il-Grupp tal-BEI rċieva sinjal ta’ appoġġ importanti mill-Istati Membri tal-UE. Meta r-Renju Unit joħroġ mill-UE, il-bank tal-UE ser jitlef wieħed mill-akbar membri tiegħu. Sabiex jiġi żgurat li dan ma jaffettwax in-negozju tal-BEI fl-UE-27, il-kumplament tal-Istati Membri ddeċidew li jissostitwixxu bis-sħiħ il-kapital li jkun se jintilef meta jseħħ il-Brexit. Mhux se tkun meħtieġa injezzjoni ta’ kapital peress illi l-kapital se jiġi sostitwit permezz tar-riżervi tal-BEI. Barra minn dan, xi Stati Membri wrew interess li jħallsu kapital lill-BEI biex iżidu l-ishma tagħhom. Flimkien mal-miżuri finanzjarji, hemm ippjanati għadd ta’ bidliet fil-governanza. Id-dettalji ta’ dan il-ftehim għad irid jiġi ffinalizzat.