>@European Union
© European Union

Illum, il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fondazzjoni Bill & Melinda Gates ħabbru sħubija ta' finanzjament ġdida biex jindirizzaw opportunitajiet tas-saħħa globali kritiċi: l-eradikazzjoni tal-poljo u l-iżgurar li l-innovazzjonijiet fil-qasam tas-saħħa huma aktar aċċessibbli għan-nies li l-aktar għandhom bżonnhom. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-UNICEF, bħala sħab tal-implimentazzjoni għall-finanzjament tal-poljo, se jużaw ir-riżorsi biex jeradikaw il-poljo, jappoġġaw id-distribuzzjoni ta' tilqim ieħor tat-tfulija u jsaħħu s-sistemi tas-saħħa biex ikunu jistgħu jirreaġixxu aħjar għat-theddid emerġenti għas-saħħa.

Il-pakkett ta' finanzjament mistenni ta' EUR 1.1 biljun għandu l-għan li jipprovdi finanzjament ġdid bl-għan li jeradika marda umana għat-tieni darba biss fl-istorja, u li jgħin biex jissolvew l-isfidi tas-saħħa u tal-iżvilupp li jiffaċċaw l-iktar nies vulnerabbli tad-dinja li inkella ma jiksbux aċċess ġust għas-servizzi tal-kura tas-saħħa u għall-innovazzjonijiet.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen qalet: “Wasalna biex neqirdu l-poljo minn wiċċ id-dinja. Il-Kummissjoni Ewropea, il-BEI u l-Fondazzjoni Bill & Melinda Gates qed jaħdmu bi sħubija biex ngħaddu l-aħħar biċċa. B'appoġġ ta' EUR 1 biljun mill-istrateġija ta' investiment Ewropea tagħna, il-Global Gateway, se ninvestu f'sistemi tas-saħħa aktar b'saħħithom globalment u fil-produzzjoni, fil-manifattura u fl-amministrazzjoni lokali tal-vaċċini u tal-mediċini, fejn l-aktar li hemm bżonn. Il-kooperazzjoni globali għenitna ntemmu l-pandemija tal-COVID-19. Issa se tgħinna neħilsu mill-poljo darba għal dejjem.

Is-sħubija timmarka żieda sinifikanti fil-finanzjament għas-saħħa globali u l-iżvilupp tal-bniedem taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+) tal-Kummissjoni Ewropea u mistennija tinkludi tqabbil ta' finanzjament komplementari ġdid għas-saħħa globali mill-Fondazzjoni Bill & Melinda Gates, li timmassimizza l-impatt ta' kull Euro impenjat mill-UE u mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

Illum ninsabu magħqudin biex niktbu l-kapitolu finali fl-istorja tal-poljo. Il-Bank Ewropew tal-Investiment qed jagħti sehmu fi sħubija unika mas-sħab tal-filantropija u tas-saħħa, billi jipprovdi EUR 500 miljun għall-investiment b'appoġġ għall-Programm Dinji għall-Eradikazzjoni tal-Poljo. Din l-inizjattiva se tkun pass importanti fiż-żieda tal-immunizzazzjoni u t-tisħiħ tal-kura tas-saħħa, filwaqt li jiġi żgurat li kull tifel u tifla, irrispettivament miċ-ċirkostanzi tagħhom, ikunu jistgħu jiġu protetti mill-poljo,” qal Werner Hoyer, il-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment.

Biex tippromwovi l-progress rapidu lejn il-eradikazzjoni tal-virus tal-poljo selvaġġ, is-sħubija għandha l-għan li tagħti EUR 500 miljun f'pagamenti lill-Inizjattiva Dinjija għall-Qerda tal-Poljomjelite – speċifikament l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-UNICEF. Il-fondi se jkopru t-tilqim kontra l-poljo għal kważi 370 miljun tifel u tifla fis-sena; se jipprovdu servizzi tas-saħħa vitali lit-tfal flimkien ma' kampanji kontra l-poljo, inklużi vaċċini kontra l-ħosba u tilqim ieħor ta' rutina; u se jsaħħu s-sistemi tas-saħħa biex iħejju ruħhom u jirreaġixxu aħjar għat-theddid emerġenti għas-saħħa, kif għamel il-programm tal-poljo kontra l-COVID-19, l-Ebola, u mard ieħor. Illum, il-virus tal-poljo selvaġġ għadu endemiku f'żewġ pajjiżi biss – il-Pakistan u l-Afganistan – u 80 % tal-każijiet ta' varjanti tal-virus tal-poljo jinsabu f'erba' reġjuni sottonazzjonali biss.

Bis-saħħa tal-innovazzjonijiet mediċi, id-dinja eradikat marda umana waħda – il-ġidri. Illum ninsabu fil-punt li neqirdu virus ieħor – il-virus tal-poljo selvaġġ. Jiena kommess li niżgura li l-ebda tifel jew tifla, ikun fejn ikun fid-dinja, ma jiffaċċa din il-marda terribbli. Jien ottimist ukoll li se neradikaw il-poljo darba għal dejjem u li se nagħmlu l-innovazzjonijiet fil-qasam tas-saħħa aktar aċċessibbli għal kulħadd, b'mod partikolari għal dawk fl-ifqar pajjiżi,” qal Bill Gates, kopresident tal-Fondazzjoni Bill & Melinda Gates.

EUR 500 miljun oħra għandhom l-għan li jespandu l-kapaċità tal-innovazzjoni tas-sistemi tas-saħħa f'pajjiżi b'introjtu baxx u medju. Dan jinkludi finanzjament ġdid għal inizjattivi appoġġati mill-Kummissjoni Ewropea bħal sforzi biex l-innovazzjonijiet fil-qasam tas-saħħa bħall-vaċċini u t-terapewtiċi bbażati fuq l-mRNA jsiru aktar aċċessibbli għan-nies f'pajjiżi b'introjtu baxx u medju, skont il-pjan ta' investiment tal-Ewropa għad-dinja, Global Gateway. Aktar investimenti fis-saħħa madwar id-dinja se jiġu diskussi fost il-mexxejja u s-sħab dinjin fil-Forum tal-Global Gateway li jmiss (25–26 ta' Ottubru)

Bis-saħħa tat-tmexxija u s-sħubija tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Bank Ewropew tal-Investiment, il-vaċċini, il-mediċini u innovazzjonijiet oħrajn li jsalvaw il-ħajja għandhom jaslu għand in-nies li l-aktar għandhom bżonnhom, u b'hekk se jagħmlu l-komunitajiet kullimkien aktar f'saħħithom. Nafu li meta komunità tkun f'saħħitha, l-ekonomiji jikbru,” qalet Melinda French Gates, kopresident tal-Fondazzjoni Bill & Melinda Gates.

Li nilħqu t-tfal mhux imlaqqmin jew li mhumiex imlaqqmin biżżejjed fiż-żoni l-aktar remoti u diffiċli biex tasal huwa essenzjali biex intemmu l-ħidma tal-eradikazzjoni tal-poljo,” qal Dr Tedros Adhanom Ghebreyesus, id-Direttur Ġenerali tad-WHO. “Dawn il-fondi l-ġodda mhux biss se jgħinuna naslu għal dinja ħielsa mill-poljo, iżda se jgħinu wkoll nibnu sistemi tas-saħħa aktar sostenibbli u reżiljenti biex inħarsu lill-istess tfal u komunitajiet li huma fir-riskju tal-poljo mill-ħafna theddidiet għas-saħħa oħrajn li jiffaċċaw.

L-eradikazzjoni tal-poljo tista' tintlaħaq, iżda l-progress huwa fraġli, u rridu nibqgħu ffukati immens,” qalet id-Direttur Eżekuttiv tal-UNICEF Catherine Russell. “Dan il-finanzjament il-ġdid se jgħin biex jiġi żgurat li t-tfal kollha jitlaqqmu biex jiġi eradikat il-poljo, filwaqt li jissaħħu s-sistemi tas-saħħa bbażati fil-komunità. L-ebda tifel jew tifla m'għandhom isofru minn marda li tista' tiġi evitata faċilment.

B'mod speċifiku, is-sħubija ta' finanzjament mistennija tinkludi:

  • EUR 500 miljun f'finanzjament ġdid għall-Inizjattiva Dinjija għall-Qerda tal-Poljomjelite (kif deskritt hawn fuq)
  • EUR 500 miljun f'investimenti u għotjiet biex jiġi żgurat li l-innovazzjonijiet fil-qasam tas-saħħa jkunu aktar aċċessibbli, jissaħħu s-sistemi tas-saħħa u nkunu lesti għal pandemiji futuri: Il-Fondazzjoni Bill & Melinda Gates qed tippjana li tipprovdi EUR 250 miljun f'għotjiet u investimenti li jirrispekkjaw l-investimenti ta' EUR 250 miljun li għamel il-Bank Ewropew tal-Investiment u li huma garantiti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli plus.
  • EUR 80 miljun f'għotjiet għall-Assistenza Teknika: Il-Fondazzjoni Bill & Melinda Gates mistennija tagħti EUR 40 miljun li jirrispekkjaw l-għotjiet ta' EUR 40 miljun mill-Kummissjoni Ewropea biex jipprovdu assistenza teknika u jiżguraw li l-programmi tas-saħħa globali jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.

Is-sħubija mħabbra llum tibni fuq sħubijiet eżistenti bejn il-Fondazzjoni Bill & Melinda Gates u l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, inkluż pakkett ta' appoġġ ta' EUR 100 miljun għall-Aġenzija Afrikana għall-Mediċini (AMA) li ġiet stabbilita m'ilux u għall-aġenziji regolatorji nazzjonali jew inizjattivi reġjonali Afrikani tal-mediċini, għall-Pjattaforma Afrikana għad-Dijanjostiċi tas-Saħħa, li tappoġġa lis-sħab Afrikani biex iżidu l-aċċess u jnaqqsu l-ispejjeż tal-ittestjar fil-laboratorju, u l-koordinazzjoni dwar inizjattivi tas-saħħa bħall-COVAX, kollaborazzjoni globali biex jiġu aċċellerati l-iżvilupp, il-produzzjoni, u l-aċċess ekwu għat-testijiet, it-trattamenti u l-vaċċini tal-COVID-19.

 

Dwar il-Fondazzjoni Bill & Melinda Gates

Il-Fondazzjoni Bill & Melinda Gates, li hija ggwidata mit-twemmin li kull ħajja għandha valur ugwali, taħdem biex tgħin lin-nies kollha jgħixu ħajja b'saħħitha u produttiva. Fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, hija tiffoka fuq it-titjib tas-saħħa tan-nies u tagħtihom l-opportunità li joħorġu mill-ġuħ u l-faqar estrem. Fl-Istati Uniti, hija tipprova tiżgura li n-nies kollha, speċjalment dawk bl-anqas riżorsi, ikollhom aċċess għall-opportunitajiet li jeħtieġu biex jirnexxu fl-iskola u fil-ħajja. Il-fondazzjoni, li hija bbażata fi Seattle, Washington, hija mmexxija mis-CEO Mark Suzman, taħt id-direzzjoni tal-Kopresidenti Bill Gates u Melinda French Gates u l-bord tal-fiduċjarji.

Kuntatt tal-Media: media@gatesfoundation.org

Dwar il-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni tgħin biex issawwar l-istrateġija ġenerali tal-UE, tipproponi liġijiet u politiki ġodda tal-UE, tissorvelja l-implimentazzjoni tagħhom u tiġġestixxi l-baġit tal-UE. Hija għandha wkoll rwol sinifikanti fl-appoġġ għall-iżvilupp internazzjonali. Fl-2021, il-Kummissjoni Ewropea nediet il-Global Gateway, l-istrateġija ta' investiment tal-Ewropa għad-dinja. Global Gateway huwa l-offerta tal-UE lill-pajjiżi sħab b'appoġġ għat-tkabbir dejjiemi tagħhom, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tagħhom u l-iżvilupp u l-benesseri tal-komunitajiet. Madwar id-dinja, Global Gateway għandha l-għan li timmobilizza aktar minn EUR 300 biljun f'investimenti bejn l-2021 u l-2027 b'taħlita ta' għotjiet, self aġevolanti u garanziji biex jitneħħa r-riskju tal-investimenti minn fuq is-settur privat. Huwa jinvesti f'firxa wiesgħa ta' proġetti, minn infrastruttura fiżika sa programmi tas-saħħa, f'konformità mal-Istrateġija tal-UE għas-Saħħa Globali.

Dwar l-Inizjattiva Dinjija għall-Qerda tal-Poljomjelite

L-Inizjattiva Dinjija għall-Qerda tal-Poljomjelite hija sħubija pubblika-privata, immexxija mill-gvernijiet nazzjonali, id-WHO, Rotary International, iċ-Ċentri tal-Istati Uniti għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard, l-UNICEF, il-Fondazzjoni Bill & Melinda Gates u Gavi, l-Alleanza għall-Vaċċini.  Mit-tnedija tagħha fl-1988, din is-sħubija għenet fil-prevenzjoni ta' aktar minn 20 miljun każ ta' paraliżi, evitat aktar minn 1.5 miljun mewta fit-tfulija u naqqset l-inċidenza tal-virus tal-poljo selvaġġ b'99 fil-mija, minn aktar minn 350,000 każ f'aktar minn 125 pajjiż endemiku, għal seba' każijiet f'żewġ pajjiżi endemiċi fl-2023.  Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok żur www.polioeradication.org