Il-Bank Ewropew tal-Investiment qed jippjana li jżid l-appoġġ għal reġjuni tal-UE ekonomikament aktar dgħajfa, filwaqt li jiffoka fuq it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Bil-koeżjoni, it-tibdil fil-klima jrid jimxi id f’id.

Ħafna mir-reġjuni l-aktar foqra tal-Ewropa huma fost dawk l-aktar esposti għall-impatti tat-tibdil fil-klima. Iżda jiffaċċjaw ukoll konsegwenzi negattivi possibbli mit-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika, b’emissjonijiet żero u diġitali li neħtieġu biex niġġieldu t-tisħin globali. Fin-Nofsinhar, temperaturi ogħla f’pajjiżi Ewropej diġà sħan bħall-Greċja, Spanja u l-Italja, se jaffettwaw l-agrikoltura u jżidu l-frekwenza u l-intensità tad-diżastri naturali, bħan-nirien li kkawżaw tant qerda dan is-sajf. Il-bidla lil hinn mill-faħam, li hija essenzjali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tagħna tas-CO2 li jikkawża tibdil fil-klima, se tolqot b’mod partikolari qawwi lil ħafna reġjuni li jiddependu mill-faħam fil-Lvant, lil komunitajiet u industriji f’pajjiżi bħall-Polonja u pajjiż twelidi l-Bulgarija.

Iffaċċjati b'din il-problema doppja, jeħtieġ li niffokaw l-investiment f’dawn il-pajjiżi fuq il-bini ta’ tip ġdid ta’ ekonomija li hija sostenibbli. Il-biċċa l-kbira tal-investiment fil-pajjiżi l-aktar foqra tal-Unjoni Ewropea storikament kienet fl-infrastruttura, bħall-awtostradi u l-ferroviji, biex jiġi promoss it-tkabbir permezz ta’ kummerċ aktar faċli. Iżda l-mod kif ninvestu jeħtieġ li jevolvi jekk irridu nikkonfrontaw it-theddida eżistenzjali tat-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni lejn ekonomija moderna, diġitali u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju b’mod ġust. Mhux se nilħqu l-għanijiet klimatiċi tagħna jekk ma ngħinux lil kulħadd jittratta l-ispejjeż tat-tranżizzjoni ekoloġika u rridu nindirizzaw in-nuqqas relattiv ta’ investiment fil-klima u fis-sostenibbiltà fir-reġjuni tagħna li huma ekonomikament aktar dgħajfa.

Din hija r-raġuni għaliex il-Bank Ewropew tal-Investiment qed jibdel il-ħsieb dwar l-approċċ tiegħu u qed joħroġ dokument ta’ orjentazzjoni ġdid dwar l-investimenti tiegħu fir-reġjuni ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea. L-ambizzjoni tagħna hija li nżidu l-ammont li nisilfu f’dawn ir-reġjuni għal 45 % tat-total tagħna. Fl-istess ħin, qed nespandu wkoll l-appoġġ tagħna biex ninkludu r-reġjuni kollha li l-iżvilupp ekonomiku tagħhom huwa taħt il-medja tal-UE.

L-użu tal-finanzjament pubbliku biex l-UE titqarreb aktar flimkien huwa waħda mill-missjonijiet li għalihom ġie stabbilit il-BEI. Matul l-aħħar perjodu baġitarju ta’ seba’ snin tal-UE (2014-2020), il-proġetti fir-reġjuni ta’ koeżjoni ammontaw għal 30 % tal-għoti ta’ self tal-BEI (€124 biljun), u dawk l-investimenti taw riżultati tajbin ħafna. Il-mudelli interni tagħna juru li l-għoti ta’ self tagħna fir-reġjuni ta’ koeżjoni matul dan il-perjodu se jagħti spinta lit-tkabbir b’mill-inqas nofs punt perċentwali wieħed u l-impjiegi b’mill-inqas tnejn fuq għaxra ta’ punt perċentwali kull sena—għat-tletin sena li ġejjin!

Jiena rajt b’għajnejja stess l-impatt qawwi li l-politiki ta’ koeżjoni jista’ jkollhom fuq il-komunitajiet reġjonali permezz tal-esperjenza preċedenti tiegħi bħala ministru tal-iżvilupp reġjonali u kap tal-awtorità ta’ ġestjoni għall-iżvilupp reġjonali fil-Bulgarija. L-istrumenti finanzjarji, bħal dawk implimentati bl-appoġġ tal-BEI, itejbu u jaċċelleraw l-investiment. Dan kien il-każ bl-inizjattiva JESSICA (Appoġġ Konġunt Ewropew għall-Investiment Sostenibbli fiż-Żoni tal-Bliet)li kienet wieħed mill-ewwel strumenti ta’ din ix-xorta żviluppati mill-Kummissjoni Ewropea u implimentati mill-Istati Membri bl-appoġġ tal-BEI. Illum, il-Grupp tal-BEI qed jipprovdi wkoll kapaċità finanzjarja u konsultattiva biex jappoġġa lill-istati membri fl-implimentazzjoni effiċjenti u sostenibbli tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta.  

Ir-reġjuni l-inqas żviluppati huma l-aktar fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant kif ukoll fil-Portugall, fil-Greċja u fir-reġjuni tan-Nofsinhar tal-Italja u ta’ Spanja, li huma reġjuni bi dħul baxx, reġjuni li qed jipprovaw ilaħħqu jew reġjuni bi storja twila ta’ tkabbir baxx. Ma’ dawn irridu nżidu r-reġjuni industrijali għonja preċedenti li qed ibatu biex ilaħħqu mal-globalizzazzjoni u mal-bidla teknika u mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli.

Bl-approċċ il-ġdid tagħna, ir-reġjuni inqas żviluppati, b’PDG għal kull abitant ta’ inqas minn 75 % tal-medja tal-UE, se jirċievu attenzjoni akbar u sa 23 % tat-tislif totali tagħna tal-UE sal-2025. Reġjuni b’livell intermedju ta’ introjtu (75-100 % tal-medja tal-UE), imsejħa “reġjuni ta’ tranżizzjoni” ġew identifikati mill-Kummissjoni Ewropea bħala grupp vulnerabbli ġdid. Ir-reġjuni ta’ tranżizzjoni, li jistgħu jinstabu f’pajjiżi inklużi Franza, Spanja, il-Finlandja u n-Netherlands, jeħtieġu appoġġ immirat biex jindirizzaw sfidi bħal dipendenza fuq il-manifattura b’livell baxx ta’ teknoloġija, żieda fil-kostijiet unitarji tax-xogħol, edukazzjoni relattivament baxxa u tnaqqis fl-impjiegi industrijali.

Bħala l-bank tal-UE għall-klima, aħna nemmnu li ma hemm l-ebda kontradizzjoni bejn il-missjoni ta’ koeżjoni l-ġdida tagħna u l-għanijiet klimatiċi ambizzjużi tagħna — sinerġiji u sovrapożizzjonijiet biss. It-tnejn imorru id f’id minħabba li mhux se nirnexxu fuq il-klima jekk ma nserrħux ras kulħadd li ħadd mhu se jibqa' lura. Irridu niftakru wkoll li l-ispejjeż assoċjati mat-tranżizzjoni ekoloġika huma biss farka mill-ispejjeż katastrofiċi li se nħabbtu wiċċna magħhom jekk ma nindirizzawx it-theddida tat-tibdil fil-klima. Din hija r-raġuni għaliex aħna fiduċjużi li nistgħu nżidu t-tislif tagħna lir-reġjuni ta’ koeżjoniunżidu l-proporzjon li nistgħu nagħtu lill-azzjoni klimatika għal 50 % sal-2025, mira li konna qed naħdmu għaliha sa minn Novembru 2019.

Nistgħu nagħmlu dan billi nimmiraw bir-reqqa l-proġetti li nappoġġaw, billi niffokaw fuq oqsma ta’ prijorità għall-azzjoni klimatika f’dawn ir-reġjuni, bħall-mobbiltà nadifa, sikura u konnessa; l-effiċjenza enerġetika; l-enerġija rinnovabbli; l-ilma u l-ilma tad-dranaġġ; kif ukoll l-industrija, l-ekonomija ċirkolari, l-ikel u l-agrikoltura. Is-servizzi konsultattivi tagħna jistgħu jgħinu biex titqajjem kuxjenza, jitħejjew strateġiji u proġetti u tiġi żviluppata kapaċità amministrattiva, minbarra li jgħinu biex jingħeleb in-nuqqas ta’ finanzjament, li jikkostitwixxi l-ostaklu ewlieni għal investimenti bħal dawn.

Xi drabi il-bidliet drastiċi mitluba mid-dekarbonizzazzjoni jixħtu dell fuq it-tfixkil potenzjali għall-impjiegi u l-industriji mit-tranżizzjoni diġitali u mill-awtomatizzazzjoni. Iżda d-differenzi strutturali fl-attività u l-ħiliet diġitali u tal-innovazzjoni fir-reġjuni ta’ koeżjoni huma sinifikanti wkoll. L-Istħarriġ tagħna dwar l-Investiment tal-2020 juri li 63 % tad-ditti fir-reġjuni inqas żviluppati tal-Ewropa ma jinvolvu ruħhom f’ebda attività ta’ innovazzjoni. Anke fost il-kumpaniji l-kbar, il-proporzjon involut fl-innovazzjoni huwa ferm aktar baxx minn dak ta’ bnadi oħra fl-Ewropa (39 % meta mqabbel ma’ 52 %). Hemm bżonn ta’ politiki ġodda biex tingħata spinta lill-innovazzjoni f’dawn ir-reġjuni, biex jgħollu l-livelli ta’ introjtu tagħhom u biex jgħinu fl-aġġustament għat-tranżizzjoni diġitali.

Bħala parti mill-approċċ il-ġdid tagħna għall-koeżjoni, qed nippjanaw li nindirizzaw din il-problema billi ngħinu lill-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja f’reġjuni anqas żviluppati jadottaw teknoloġiji ppruvati, kif ukoll biex iwettqu riċerka u żvilupp. Il-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja huma partikolarment importanti, minħabba li r-riċerka turi li għandhom effetti pożittivi qawwija fil-komunitajiet tagħhom. Aħna se ngħinu wkoll biex jittejjeb l-aċċess tal-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja għall-finanzjament permezz ta’ tislif lilhom direttament, kif ukoll permezz tal-programmi intermedjati tagħna.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-għan mhuwiex biss li jiġu megħjuna r-reġjuni ta’ koeżjoni. Huwa li n-nies tal-Ewropa jinġiebu eqreb lejn xulxin u li tissaħħaħ l-għaqda fl-Unjoni Ewropea.