L-iżgurar tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u drittijiet ugwali għal kulħadd hija kwistjoni ekonomika ta’ importanza sinifikanti.
Minn Nadia Calviño, Kristalina Georgieva u Odile Renaud-Basso
IL-LUSSEMBURGU – Għajr “inklużjoni”, li hija t-tema tal-Jum Internazzjonali tan-Nisa ta’ din is-sena, huwa diffiċli ssib kelma aktar rilevanti għall-isfidi u l-prijoritajiet ta’ politika l-iktar prestanti fid-dinja. It-tkabbir ekonomiku inklużiv u ekoloġiku li jkun ta’ benefiċċju għas-soċjetà huwa komponent essenzjali tal-prosperità sostenibbli, il-koeżjoni soċjali, il-kompetittività, u l-istabbiltà ġeopolitika. Huwa kruċjali li tiġi appoġġata “tranżizzjoni ġusta” li tinkludi l-membri kollha tas-soċjetajiet tagħna, sabiex ikun żgurat li l-azzjoni klimatika u t-trasformazzjoni diġitali jwasslu għal dinja aktar sostenibbli u sikura.
L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet ugwali mhumiex biss kwistjoni ta’ ekwità; huma wkoll ta’ importanza ekonomika sinifikanti. Ir-riċerka mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) tissuġġerixxi li t-tnaqqis fid-differenza bejn il-ġeneri fis-swieq tax-xogħol jista’ jżid il-PGD fis-swieq emerġenti u fl-ekonomiji li qed jiżviluppaw bi kważi 8%. Dak li niggwadanjaw meta d-differenza bejn il-ġeneri tintemm ikun saħansitra ogħla, hekk kif il-PGD f’dawk il-pajjiżi jogħla b’23%, bħala medja.
Fi kliem sempliċi, id-diversità u rwol ugwali għan-nisa fl-ekonomija, fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, u fid-dibattiti dwar politika jwasslu riżultati aħjar. L-immobilizzar tat-talent disponibbli kollu jimmassimizza l-produttività u l-kompetittività, li jkunu kruċjali fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima u l-promozzjoni tal-prosperità globali. Dan kollu huwa speċjalment importanti meta wieħed iqis l-effett ikkombinat tal-kriżi klimatika, il-pandemija tal-COVID-19, u l-invażjoni Russa tal-Ukrajna li flimkien jheddu li jreġġgħu lura bosta mill-kisbiet li ħsibna li konna lħaqna.
Hekk kif erba’ biljun persuna madwar id-dinja se jivvutaw fl-elezzjonijiet din is-sena, m’hemmx żmien aħjar biex nenfasizzaw l-impatt pożittiv kbir li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha fuq is-soċjetajiet kollha. Pereżempju, riċerka mill-Bank Ċentrali Ewropew tissuġġerixxi li żieda ta’ punt perċentwali wieħed f’maniġers nisa f’ditta twassal għal tnaqqis ta’ 0.5% fl-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju. B’mod simili, il-Bank Ewropew tal-Investiment sab li ditti mmexxija min-nisa għandhom punteġġi ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) ogħla. Bl-istess mod, riċerka tal-IMF turi li tali ditti għandhom ukoll aktar qligħ, u li bilanċ akbar bejn il-ġeneri huwa assoċjat ma’ stabbiltà finanzjarja akbar u prestazzjoni mtejba. Dawn is-sejbiet jissuġġerixxu li l-akbar sfidi ta’ żmienna ma jistgħux jiġu indirizzati mingħajr l-inklużjoni – fi ħdan l-organizzazzjonijiet u anke fl-ogħla karigi.
Hemm evidenza ċara tal-progress. Aktar u aktar nisa llum qed iniedu negozji, minkejja li għandhom inqas aċċess għall-finanzjament. Id-data tal-Bank Dinji għal 71 pajjiż turi li, f’45 minnhom, in-nisa jirrappreżentaw sehem dejjem jiżdied ta’ “proprjetarji uniċi” ta’ kumpaniji.
Kif nistgħu nkomplu nibnu fuq dan il-progress? Studju mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp. juri li programmi ta’ finanzjament imħallat jgħinu lill-intraprendituri nisa biex jaċċessaw aktar kreditu u jkabbru n-negozji tagħhom
Meta jitqies li n-nisa jieħdu jew jinfluwenzaw 80% tad-deċiżjonijiet għax-xiri ta’ prodotti tal-konsumatur, id-ditti għandhom iqisu l-fehmiet u l-esperjenzi tan-nisa jekk jixtiequ jbigħu aktar oġġetti minn tagħhom. In-nisa għandhom ukoll tendenza li jkunu aktar konxji ambjentalment u dan jispjega d-domanda dejjem tikber mill-klijenti għal servizzi finanzjarji ekoloġiċi. Globalment, konsumatriċi waħda minn kull tlieta tirrapporta li kieku lesta tħallas premium li jilħaq anke 25% għal servizzi finanzjarji sostenibbli.
Dan jindika raġuni oħra għaliex l-inklużjoni hija tajba għan-negozju: ir-riċerka turi li aktar nisa fuq bords korporattivi joħolqu korrelazjzoni pożittiva mal- iżvelar tal-emissjonijiet tas-CO2. In-nisa jikkontrollaw 40% tal-ġid globali, u jridu jinvestu f’futur sostenibbli. Madwar 74% tan-nisa jirrappurtaw li huma interessati li jiżdied is-sehem tal-investimenti f’ESG fil-portafolji tal-investiment attwali tagħhom, meta mqabbla ma’ 53% tal-irġiel. Ditti li jonqsu milli jagħmlu l-wisa’ għan-nisa jitilfu opportunità li jmorru aħjar mill-kompetituri tagħhom.
Matul is-sekli, in-nisa żviluppaw strateġiji biex jittrattaw sitwazzjonijiet ta’ inugwaljanza. u b’dan sirna speċjalment imprezzabbli għall-organizzazzjonijiet li jridu jbiddlu d-dinja. Bis-saħħa tal-esperjenza storika tagħna tal-esklużjoni u l-inugwaljanza, huwa aktar probabbli li nirrikonoxxu l-ħtieġa għal bidla u li nikkunsidraw l-impatt fuq nies oħra li jkollhom l-operazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet dwar politika ta’ kumpanija. Bl-istess raġunament, pajjiżi li għandhom rappreżentazzjoni femminili ogħla fil-parlament huma aktar probabbli li jirratifikaw trattati ambjentali u jadottaw politiki li jindirizzaw it-tibdil fil-klima.
It-talent tan-nisa huwa l-mutur li jmexxi l-progress ekonomiku u parti essenzjali tas-soluzzjoni għat-tibdil fil-klima. In-nisa diġà jmexxu wħud mill-korpi finanzjarji l-aktar influwenti fid-dinja u għandhom rwol dejjem akbar fl-arena politika. Issa n-nisa jridu jmexxu l-bidla lejn mudell ta’ tkabbir aktar inklużiv u sostenibbli. Għandna opportunità unika li navvanzaw l-inklużjoni, biex nispiraw impenji simili minn oħrajn, u nsawru l-futur għall-aħjar.
Dan l-aritiklu ġie ppubblikat għall-ewwel darba minn Project Syndicate.
Nadia Calviño hija l-president tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Kristalina Georgieva hija d-direttriċi maniġerjali tal-Fond Monetarju Internazzjonali. Odile Renaud-Basso hija l-president tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp.
Kopertura ta’ dan l-artiklu mill-media
- Project Syndicate: The Economic Power of Gender Equality by Nadia Calviño, Kristalina Georgieva, Odile Renaud-Basso
- L'Echo: Plaidoyer économique pour l’égalité entre les femmes et les hommes
- Handelsblatt: Gastkommentar: Die wirtschaftliche Macht der Gleichstellung
- Expresso: The economic power of gender equality
- Lavanguardia: El poder económico de la igualdad de género, por Nadia Calviño
- 24chasa.bg: Икономическата сила на равнопоставеността на половете
- Portfolio: A nemek közötti egyenlőség gazdasági ereje
- Confidencial.digital: El poder económico de la igualdad de género